Gvern Centrali

Titnieda l-iskema Midd Idejk fil-Biedja

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Assistent Parlamentar Philip Mifsud, nieda inizjattiva ġdida fejn il-pubbliku qed jiġi mistieden imidd idejħ fil-biedja billi se jingħata biċċa art zgħira biex fiha jitkabbar prodott agrikolu.

Din l-inizjattiva hija ntiża biex aktar persuni li huma minn postijiet urbani, jitħajru jibdew imiddu jdejhom fil-biedja. L-art, filwaqt li tintuza sabiex jiġu kkultivati xi prodotti tal-ortikultura bħall-frott, ħxejjex u anke fjuri għall-konsum personali, isservi wkoll sabiex tagħti esperjenza fis-settur liz- żgħazagħ li jixtiequ jisfruttaw karriera fil-biedja.

Għal dan il-għan, ħamest itmien raba’ fl-Għammieri nqasmu f’50 għalqa żgħira biex il-persuni interessati jkunu jistgħu jużaw din l-art biex jikkultivaw prodott agrikolu b’metodu organiku. Dawk li ser japplikaw għal din l-iskema ser ikollhom sapport kontinwu sabiex il-kultivazzjoni tagħhom tkun ta’ suċċess kif ukoll ser ikun offrut lilhom taħriġ neċessarju sabiex isiru aktar midħla tal-kultivazzjoni agrikola b’metodi organiċi.

Il-Ministru Pullicino temm jgħid li l-iskema Midd Idejk fil-Biedja hi mod kif nistgħu naprezzaw aktar ix-xogħol tal-bidwi u l-mod kif taħdem in-natura. B’hekk jikber l-għarfien fir-rispett tal-kampanja.

L-applikazzjonijiet, li ser jiftħu minn għada l-Ħamis qed jintlaqgħu personalment l-Għammieri. L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħin sa nhar il-Ħamis 5 ta’ Mejju fuq bażi ta’ first come first served. Applikazzjoni elettronika tista’ titniżżel minn hawn. Aktar informazzjoni dwar l-iskema Midd Idejk fil-Biedja tista’ tinkiseb mill-istess sit jew fil-ħinijiet tal-uffiċċju fuq in-numru 25904130/179.

 

Ikkuppjat  minn: http://mrra.gov.mt/news.aspx?nid=2298&type=5